top of page

L-attiviżmu Malti fuq l-HIV ''għadu fi ċkunitu''




Huwa avukat, akkademiku u attivist fil-qasam tal-etika fil-kura tas-saħħa. F’intervista ma’ inewsmalta Dr Mark Josef Rapa jiddiskuti fuq il-bżonn ta’ edukazzjoni sesswali iktar sħiħa, waqt li jappella biex l-mediċina ‘PrEP’ tiġi ntrodotta f’pajjiżna fi żmien qasir: “...jagħmel sens li ndaħħlu l-’PrEP’, għax hija ta’ benefiċċju immedjat, kemm minn att ta’ saħħa pubblika, u kif ukoll mill-lat finanzjarju.


Inti persuna li gradwajt bħala avukat minn Malta, però ilek perjodu twil issa tistudja u taħdem ġewwa r-Renju Unit. Fiex eżatt jikkonsistu l-istudji u x-xogħol akkademiku tiegħek? , issa bħala Teaching assistant u Lekċerer fi programm ta’ Masters f’ ‘Health care ethics and law’. U mill-lenti personali tiegħek, x’differenzi rajt fl-attitudni, kif ukoll fit-tagħrif, li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi fejn jidħol il-mard infettiv, kif ukoll fil-prevenzjoni ta’ mard bħall-HIV?


Bħalissa, jien qiegħed naħdem bħala teaching assistant, kif ukoll lettur, fi ħdan l-Universià ta’ Manchester fir-Renju Unit bi speċjalizzazzjoni fil-liġi u l-etika fil-qasam tas-saħħa

L-ewwel nett, wieħed irid jirrikonoxxi li, f’dak li huwa attiviżmu, Malta għadha fi ċkunitha. F’ħafna setturi, kemm dawk governattivi kif ukoll dawk li mhumiex, il-forza li tmexxi u tinkoraġixxi bidla hija prodott ta’ xi tip ta’ attiviżmu.


Fl-Ingilterra, meta fit-tmenin rajna l-ewwel infezzjonijiet tal-HIV, l-attiviżmu biex jibda jingħata it-trattament neċessarju beda minn stat bikri, u informazzjoni dwar l-HIV bdiet tiġi ippubblikata kemm minn attivisti kif ukoll mill-istat innifsu.


F’Malta, dan ma jidhirx li seħħ bl-istess veloċità, u huwa biss riċentament fejn numru ta’ attivisti b’interess fid-dritt tas-saħħa, nies li jgħixu bl-HIV, u/jew nies li huma affettwati b’mod jew ieħor bl-HIV bdew jitkellmu pubblikament. Nara diversi fatturi li kapaċi ikkontribwixxew għal dan id-dewmien: Primarjament, l-assoċjazzjoni tal-HIV ma’ individwi li jidentifikaw rwieħhom bħala omosesswali. L-argument imur illi jekk int omosesswali, int suġġett għall-HIV, u viċi versa. Fir-realtà, aktar min-nofs il-popolazzjoni ta’ dawk li jgħixu bl-HIV madwar id-dinja huma nisa. Hemm ukoll il-fattur li jekk se titkellem dwar l-HIV, trid jew ma tridx, se titkellem fuq is-sess; suġġett li sal-lum il-ġurnata għadu jqajjem diskussjonijiet u perspettivi moralistiċi li però, frankament, mhumiex se jsolvu jew inaqqsu r-riskji li wieħed jakkwista l-infezzjoni tal-HIV.

Dawn il-fatturi jwasslu għal stigma u anke diskriminazzjoni, li jiskoraġixxu li wieħed jitkellem fuq l-HIV, fejn imbagħad kapaċi jwasslu għal twemmin skorret ibbażat fuq l-biża, flok fuq dak li huwa xjentifikament ippruvat. Kif qal Christian Vincent f’intervista ma’ L-ORIZZONT ftit tal-jiem ilu: “is-silenzju jikkawża l-biża, u l-biża tikkawża l-istigma”.


L-aħħar statisitka tal-WHO irraputat żieda fin-numru ta’ nies li irċevew dijanjożi ta’ l-HIV f’Malta. Tikkonċernak? X’taħseb li possibilment setgħu kienu r-raġunijiet wara din iż-żieda? U x’għandu ikun l-pass li jmiss?


Kull infezzjoni ġdida tikkonċernani u tinkwetani, għax dik l-istess infezzjoni setgħet tiġi evitata, speċjalment meta ix-xjenza tatna pillola preventiva li hija effettiva.

Jista’ jkun però, biex ma nallarmawx lill-pubbliku bla bżonn, li din iż-żieda hija riżultat ta’ żieda fl-ammont ta’ nies li qegħdin jagħmlu t-test tal-HIV (li hija aħbar tajba). Nieqaf biex infakkar li dan it-test jsir b’xejn ġewwa l-GU Clinic f’ Mater Dei, jew anke jista’ jinxtara minn spiżeriji ewlenin. Jekk iż-żieda hux ġejja minn hekk jien ma nistax nikkonfermah għax m’għandix aċċess għal din it-tip ta informazzjoni.

Madanakollu, xorta jibqa’ l-fatt li huwa importanti, iktar minn qatt qabel, li ssir kampanja sħiħa dwar l-edukazzjoni sesswali li tinkorpora anke l-mard infettiv. Hemm bżonn li npoġġu fil-ġenb l-argumenti morali, u minflok niffukaw fuq l-importanza li nagħtu kull tip ta’ informazzjoni fuq il-mezzi preventivi possibbli li jeżistu. Dawn tal-aħħar huma vitali biex wieħed jiggarantixxi s-saħħa pubblika.

Hemm bżonn ukoll li tiddaħħal mill-aktar fis possibli il-pillola magħrufa bħala ‘PrEP’. Din hija pillola preventiva li meta tittieħed ta’ kuljum, jew fuq bażi regolari, twaqqaf l-iżvilupp tal-HIV jekk wieħed jiġi f’kuntatt mal-virus. Huwa importanti hawnhekk li nsemmu li l-HIV tiġi trasmessa permezz ta’ kuntatti sesswali, minn omm għat-tarbija fit-twelid jew waqt ‘breastfeeding’, jew inkella minn użu ta’ siringi użati minn persuna bl-HIV. L-HIV ma tistax tiġi trasmessa mill-użu tal-istess kikkra minn persuna bl-HIV, jew meta torqod fl-istess sodda ma’ persuna oħra. Lanqas ma tittieħed minn sempliċi bews jew tgħanniq.


Din il-pillola ‘PrEP’ tnaqqas ir-riskju b’ iktar minn 99%, u hija rikonoxxuta bħala l-akbar għodda li għandna biex neliminaw l-HIV mid-dinja. Fil-pajjiżi u l-postijiet fejn l-‘PrEP’ ġiet introdotta, qed naraw tnaqqis drastiku fl-ammont ta’ dijanjosi ġodda. Din tfisser ukoll tnaqqis fl-infiq min-naħa tal-gvern f’dak li huwa trattamenti għall-pazjenti li jgħixu bl-HIV; inqas dijanjożi inqas infiq fi-trattmenti. Għalhekk jagħmel sens li ndaħħlu l-’PrEP’, għaliex hi ta’ benefiċċju immedjat, kemm minn att ta’ saħħa pubblika, u kif ukoll mill-lat finanzjarju

Xi prekawzjonijiet jeżistu għall-persuni li jgħixu bl-HIV, biex ikollhom ħajja ta’ kwalità tajba?

Sal-lum il-ġurnata, bl-avvanzi mediċi kollha li saru, xorta waħda m’aħniex kapaċi neliminaw l-infezzjoni mill-ġisem. Wasalna f’punt però, li nistgħu niggarantixxu li persuni li jgħixu bl-HIV kapaċi jgħixu ħajja normali, permezz tat-trattament il wieħed jirċievi f’forma ta’ pillolli.

It-trattament tal-HIV jikkostitwixxi fi tliet tipi ta’ mediċina differenti, li però kapaċi issibhom ġo pillola waħda. Sfortunatament, f’Malta dawn it-tliet tipi ta’ mediċina għadhom jingħataw f’erba’ jew sitt pilloli differenti li jridu jittieħdu kuljum, uħud mal-ikel, oħrajn le. Dan għax it-trattament li jingħata Malta huwa wieħed antik, li l-użu tiegħu m’għadux rakkomandat minħabba l-effetti sekondarji ħżiena li għandhom fuq il-kwalità ta’ ħajja ta’ dawk li jirċievu dan it-trattament.


Ix-xjenza, kif ġa għedna, għamlet avvanzi kbar. Filfatt, persuna li qed tgħix bl-HIV li qed tieħu t-trattament kapaċi tniżżel l-ammont ta’ kopji tal-virus ġewwa l-ġisem għal wieħed li ma jistax jiġi ntraċċat. Meta il-virus ma jkunx jista’ jiġi ntraċċat, dak il-virus ma jistax jiġi trasmess u jgħaddi għand persuna oħra, f’atti sesswali. Din hija waħda mill-isbaħ aħbarijiet li ħarġet matul konferenzi dinjin dwar l-HIV, u li tiggarantixxi b’mod xjentifiku u prattiku li persuni li jgħixu bl-HIV u li qegħdin fuq it-trattament ma jistgħux jgħaddu l-virus lil partners tagħhom, anke meta ma jużawx kontraċettivi. Avvanzi xjentifiċi bħal dawn jagħtu liberazzjoni mmensa, u serħan tal-moħħ, lill-persuni li jgħixu bl-HIV u anke lill-imsieħba tagħhom.

Temmen li għad hemm taboo meta niġu biex niddiskutu dan is-suġġett? U jekk iva, x’jista jsir?


Nemmen li t-taboo joħroġ mir-relazzjoni li għandha mas-sess. Infatti, l-edukazzjoni sesswali fl-iskejjel tagħna hija waħda limitata, li ħafna drabi hi ggwidata mit-tagħlim tal-Knisja Kattolika. L-edukazzjoni sesswali però ma tistax tkun marbuta ma’ linji gwida maħruġa minn reliġjon partikolari jew oħra. Diskussjonijiet dwar is-sess huma mpinġija bħala xi ħaġa negattiva u maħmuġa, fejn il-ġibda karnali tal-bniedem hija meqjusa bħala waħda perversa. Il-fatt li persuna tiġi nfettata b’xi marda sesswali ma jfissirx li hija qed tirċievi xi forma ta’ kastig, jew li qed tgħix ħajja ħażina.

Irridu nirrikonoxxu li l-mard trasmess sesswalment huwa dak li hu: mard, li għandu jiġi trattat bl-aħjar mod possibli.

Bejn dawk li huwa twemmin u dik li hija saħħa pubblika, hemm fin-nofs il-ħajja sesswali ta’ kull individwu, u huwa għalhekk ta’ importanza li nkomplu, jew aħjar nibdew nitkellmu dwar is-sess, kemm f’dak li huwa pjaċir fiżiku u emozzjonali li kapaċi jagħti, kif ukoll fir-riskji li kapaċi jġib miegħu. Huwa hawnhekk li rridu nitkellmu dwar infezzjonijiet bħall-HIV, Gonorrhea, Chlymidia u oħrajn.

Irridu nagħtu lil dawk kollha li jgħixu f’pajjiżna kull tip ta’ informazzjoni neċessarja, biex biha jkunu jistgħu jagħmlu deċizjoni infurmata dwar il-ħajja sesswali tagħhom. Ovvjament, din l-informazzjoni għandha tiġi addattata għall-età tal-individwi li lihom tkun qed tiġi imxandra.

Oltrè minn hekk, huwa importanti li jsiru kampanji fuq livelli nazzjonali, fejn ninkoraġġixxu lin-nies biex jagħmlu użu mis-servizzi tal-GU clinic, biex jagħmlu t-testijiet neċessarji, u finalment biex jużaw xi forma ta’ protezzjoni li tipproteġihom minn mard sesswali.

Fil-preżent, il-liġi Maltija titfa’ xi tip ta’ obbligu legali fuq persuna li jaf li għandu l-kundizzjoni tal-HIV? (speċifikament fejn jidħol il-kuntatt sesswali ma’ persuna oħra?)


Il-Kodiċi Kriminali (Kapitlu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta) ma jitfa’ l-ebda responsabbilità li wieħed jgħarraf lil partner tiegħu li huwa jgħix bl-HIV, però tikkundanna t-trasmissjoni tal-istess HIV kemm meta din iseħħ kemm b’mod intenzjonali kif ukoll b’nuqqas ta’ ħsieb. Huma ftit il-każijiet li ġew imressqin quddiem il-Qorti fuq trasmissjoni tal-HIV, u dan għax huwa diffiċi li wieħed jipprova sa’ livell legalment sodisfaċenti min ikun li ta l-virus lil min waqt l-att sesswali meta iż-żewġ individwi ma ikunux jagħfu l-istatus tagħhom jew meta jkun kellhom aktar minn partner wieħed fi żmien qasir.


Liġijiet bħal dawn però jmorru kontra l-prinċipji tas-saħħa pubblika, għax huwa pruvat li jiskoraġixxu lill-persuna milli tieħu t-test tal-HIV, isir jaf l-istatus tiegħu u jieħu t-trattament li għandu bżonn, speċjalment meta dan it-trattament jiggarantixxi li persuna li għandħa l-HIV ma tgħaddix il-virus lill-persuna oħra.

Fl-opinjoni tiegħek, hemm biżżejjed tagħrif u informazzjoni fuq l-oriġini u l-effetti ta’ din il-kundizzjoni?

L-informazzjoni fuq livell lokali hija waħda limitata, u miktuba b’mod wisq formali li ma tantx tinkoraġġixxi li wieħed isir jaf aktar. Però illum, bl-internet, informazzjoni li hija relevanti u li hija bbażata fuq sorsi infurmati hija biss buttuna l-bogħod. Matul din l-aħħar sena, jiena wkoll bdejt nippubblika artikli fuq s-suġġett, kemm fuq ġurnali lokali, u mis-Sajf li għadda fuq is-sit www.prepingmalta.com fejn dan l-aħħar bdejna anke nippubbikaw l-esperjenzi ta’ persuni li jgħixu bl-HIV f’Malta. Bl-istess isem (‘Preping Malta’) wieħed isib ukoll paġna fuq facebook fejn fuqha naqsmu aħbarijiet kurrenti dwar PrEP (il-pillola li tipprevjeni l-HIV), u anke fuq l-iżviluppi fid-dinja tax-xjenza f’ dak li għandu x’jaqsam mal-HIV.

Apparti hekk, l-għaqda Allied Rainbow Community (ARC Malta), permezz tal-midja soċjali, qegħda wkoll tqassam dawn l-aħbarijiet u timbotta lill-Gvern Malti biex idaħħal trattamenti ġodda, li issa ilna wisq nistennew li jiġu mdaħħla. Nifhmu li ser jinħareg tender fi żmien qasir, però il-kontentut ta’ dan it-tender għadna ma nafuhx, u mhemm l-ebda garanzija li dan it-tender ser ikun wieħed li jinkludi dik l-imsejħa ‘single tablet regimen’ fejn persuna li tgħix bl-HIV tieħu biss pilolla waħda kuljum. Immaġina x’differenza minn meta tieħu sitta kuljum!

Oltre, minn dak li ġie ippubblikat f’ġurnal ieħor Malti, il-Gvern qed jesplora Public-Private Partnership li jinkwetani ferm, għax juri li l-Gvern m’għandux pjan reali biex inaqqas iż-żieda fi trasmissjonijiet ġodda tal-HIV, u dan meta f’Malta l-ammont ta’ nies li jgħixu bl-HIV ilaħħaq madwar 450 persuna. Wieħed jixtieq jemmen li s-servizzi tas-saħħa tagħna jifilħu jagħtu servizz tajjeb bi trattamenti tajbin, mingħjar ma jkollu jirrikorri għall-privat.



(http://www.inewsmalta.com/article.php?ID1=78034&fbclid=IwAR2L9VzFAsAl9R5F2emE72wugTI6WcGiDf7MCU0sELJq2BbHUF7P0f3e5jw)

1 comment

1 komentář


Bree Bites
Bree Bites
12. 9. 2021

Great read thankks

To se mi líbí
bottom of page